Taħriġ għas-sajjieda


Il-korsijiet ta’ taħriġ għas-sajjieda kienu immirati sabiex itejbu l-għarfien u l-ħila tas-sajjieda lokali, kif ukoll biex tiżdied il-kwalita’ b’mod ġenerali fis-settur tas-sajd lokali. Dawn il-korsijiet ġew mogħtija f’diversi mezzi li jinkludu sessjonijiet pratiċċi (practical hands-on training), kif ukoll preżentazzjonijiet fil-format ta’ klassijiet u diskussjonijiet miftuħa. Seminar ta’ jumejn ġie offrut lil dawk l-applikanti interessati. Il-kontenut ta’ dan is-seminar kopra numru ta’ suġġetti interessanti u ta’ valur. Apparti dan is-seminar ġew offruti wkoll numru ta' korsijiet, li wħud minnhom huma akkreditati mill-STCW 95. Il-programm involva għarfien u taħriġ f'suġġetti bħal, regolamenti tas-sajd; informazzjoni dwar il-liġi marittima; diversifikazzjoni fin-negozju; informazzjoni teknoloġika; immaniġġjar sikur tal-ikel u iġjene tal-bastiment tal-ħut; is-sigurtà fil-baħar; fost oħrajn. 

Dan il-proġett inkluda wkoll kampanja promozzjonali, immirata biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-kors. Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura organizzat sessjoni ta' informazzjoni biex ma jkunx hemm distakk bejn l-applikanti potenzjalment interessati. Id-Dipartiment ħadem ukoll ma’ kooperattivi u entitajiet oħra rilevanti biex jiffaċilita t-tixrid ta' informazzjoni u jżid l-għarfien, bit-tama li tiżdied l-parteċipazzjoni tal-kors. Wara li ngħataw il-korsijiet u s-seminars kollha, saret ċerimonja tal-għeluq. Il-parteċipanti kollha inghataw ċertifikati ta' parteċipazzjoni u ċertifikazzjonijiet rispettivi. Ġie mogħti wkoll pakkett li kien fih oġġetti relatati mas-saħħa u s-sigurtà, lill-parteċipanti kollha.

B'mod ġenerali, dan il-proġett ikkumplementa l-proġett EFF 141, fejn is-sajjieda lokali ġew offruti taħriġ f'tekniki bażiċi ta' sopravivenza fuq il-baħar, tekniki tas-saħħa u sikurezza u trasferiment tal-għarfien fid-diversifikazzjoni tal-kummerċ u drittijiet ugwali.

Spiża: 
€500,000
Benefiċjarju: 
Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima